L-ewwel żjara kienet fid-Direttorat tal-Manutenzjoni ta’ Għawdex, fejn il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu fuq il-ħolqien u t-tħejjija tad-dekorazzjonijiet li jżejnu t-toroq u l-ispazji pubbliċi tal-gżira. Dawn id-dekorazzjonijiet qed jagħtu dehra partikolari lil Għawdex u jsaħħu l-atmosfera festiva fil-komunitajiet kollha.
Sussegwentement, il-Prim Ministru żar Savina, fejn seta’ josserva mill-qrib il-preparazzjoni ta’ rigali artiġjanali magħmula minn prodotti Għawdxin. Uħud minn dawn il-prodotti se jiġu ppreżentati mill-Prim Ministru lil Qdusitu Papa Ljun XIV kif ukoll lil diversi mexxejja internazzjonali waqt żjarat uffiċjali li se jsiru fil-jiem li ġejjin.
Iż-żjara kompliet f’negozju prominenti ieħor Għawdxi, Vini e Capricci, parti minn Abraham Holdings. Hemmhekk, il-Prim Ministru żar l-uffiċini u l-imħażen fejn bosta ħaddiema kienu impenjati fl-ippakkjar ta’ hampers u prodotti oħra li jkunu fid-domanda kbira f’dan iż-żmien tas-sena. Matul dawn iż-żjarat, ġiet innutata l-bżulija tal-ħaddiema Għawdxin u t-tkabbir kontinwu ta’ negozji li qed jirrispondu b’suċċess għad-domanda tal-istaġun tal-festi.
Il-programm taż-żjara wassal ukoll lill-Prim Ministru fil-qalba kulturali ta’ Għawdex. Fix-Xagħra, iltaqa’ ma’ Aaron Agius, dilettant tal-presepji li flimkien ma’ wliedu jiddedika ħinu għall-bini ta’ presepju artistiku għat-tgawdija tal-komunità. Iż-żjara għalqet fil-M.U.S.E.U.M. tan-Nadur, fejn il-Prim Ministru ammira presepju mill-isbaħ maħdum mill-artist Jean Paul Portelli, xogħol li kiseb rikonoxximent ukoll fuq livell internazzjonali.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-karattru uniku ta’ Għawdex. Qal li l-gżira toffri bilanċ sabiħ bejn l-innovazzjoni tan-negozji li joħolqu l-ġid u l-impjiegi, u l-ħidma tal-artisti u l-voluntiera li jkomplu jħarsu u jsaħħu l-identità kulturali tagħna. Skont Dr Abela, huwa proprju dan il-bilanċ bejn il-progress u t-tradizzjoni li jagħmel il-Milied f’Għawdex esperjenza tant speċjali.
Ritratti: OPM














