Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Malta Philharmonic Orchestra qed tkompli twassal l-esperjenza u t-tagħlim tal-mużika lit-tfal fl-iskejjel primarji permezz ta’ proġetti edukattivi mmirati apposta għalihom.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żaru l-proġett Sounds Like Me, inizjattiva edukattiva u interattiva li se tkun qed iddur diversi skejjel madwar Malta. Permezz ta’ attivitajiet kreattivi u parteċipattivi, it-tfal jitgħallmu kif jużaw il-mużika biex jesprimu s-sentimenti tagħhom, jifhmu aħjar is-saħħa mentali u jagħrfu sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-proġett isaħħaħ aktar ir-rabta bejn il-kultura u l-edukazzjoni, u juri kif il-mużika tista’ tkun għodda effettiva għat-tagħlim u għall-espressjoni personali. Huwa sostna li inizjattivi bħal dawn jgħinu lit-tfal jiskopru t-talenti tagħhom u jkabbru l-kreattività. “Meta npoġġu l-arti fiċ-ċentru tal-iżvilupp edukattiv u soċjali, inkunu qed ninkoraġġixxu parteċipazzjoni attiva, kunfidenza akbar u ħidma f’tim,” qal il-Ministru.
Il-Ministru Clifton Grima spjega li dan il-proġett, li issa qed jitwettaq għat-tieni sena, jagħmel parti minn viżjoni ta’ edukazzjoni sħiħa. Huwa qal li l-kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Kultura tkompli tippromwovi l-kreattività fost l-istudenti, filwaqt li tgħinhom jiżviluppaw kemm fuq livell personali kif ukoll professjonali. “Barra minn hekk, dawn l-inizjattivi jagħtu importanza lis-saħħa mentali, għax l-istudenti jkollhom spazju fejn jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom u jaraw kif il-mużika tista’ tgħinhom f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum,” qal il-Ministru Grima.
Il-Malta Philharmonic Orchestra, flimkien ma’ tim ta’ professjonisti fl-oqsma edukattivi, psikoloġiċi u mużikali mmexxija mid-direttur artistiku Daniel Cauchi, ħolqot programm ta’ attivitajiet li jintroduċu lit-tfal fid-dinja tal-orkestra u l-istrumenti tagħha, filwaqt li jużaw il-mużika bħala għodda li sservihom fil-ħajja ta’ kuljum.
Element importanti tal-proġett huwa wkoll is-sit MPOkids.com, pjattaforma online maħsuba apposta għat-tfal. Din toffri kontenut edukattiv, filmati, quizzes u materjal interattiv ieħor relatat mal-mużika u l-orkestra. L-għan tagħha hu li tkompli tissaħħaħ l-esperjenza tat-tagħlim anke barra l-klassi u li tħeġġeġ lit-tfal japprezzaw il-mużika b’mod divertenti u aċċessibbli.











