“Iffukati biex inżommu l-istabbiltà u nsaħħu Malta bħala pajjiż sigur, bil-prijorità ewlenija tibqa’ dik li ntejbu u nneħħu l-piżijiet minn fuq il-familji” – hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa li saret dwar l-aħħar żviluppi internazzjonali.
F’din il-laqgħa, li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru spjega li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jiżgura ċertezza u serħan il-moħħ għall-poplu Malti, filwaqt li qed jitħejja wkoll pjan ta’ kontinġenza biex il-familji jibqgħu protetti minn kull effett negattiv li jista’ jinħoloq minn sitwazzjonijiet barra minn xtutna.
Ġie enfasizzat li Malta tibqa’ pajjiż sigur u stabbli, b’esperjenza li f’sfidi internazzjonali tara opportunitajiet ġodda. Il-fatt li Malta hija newtrali u ma tospitax bażijiet militari jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni attraenti kemm għall-investiment kif ukoll għat-turiżmu.
Il-Prim Ministru spjega li s-sitwazzjoni qed tiġi evalwata kontinwament, iżda l-mira tibqa’ ċara: inkomplu nżidu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u nwettqu l-objettivi tal-Viżjoni Malta 2050. Huwa tenna li l-prijoritajiet nazzjonali ma nbidlux, iżda f’dan il-kuntest qed tissaħħaħ il-ħidma biex il-Gvern jibqa’ tarka għall-familji u n-negozji quddiem sfidi ġeopolitiċi.
Fil-laqgħa taw aġġornamenti diversi Ministri u uffiċjali għolja tal-Gvern, fosthom id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, kif ukoll ministri oħra responsabbli minn oqsma ekonomiċi, tas-sigurtà u tal-enerġija.
Ġie rrappurtat li 215-il persuna talbu l-assistenza tad-Direttorat Konsolari, b’maġġoranza minnhom jinsabu fl-Emirati Għarab Magħquda u oħrajn fil-Qatar. Qed jitħejjew ukoll pjanijiet ta’ evakwazzjoni hekk kif jinfetaħ l-ispazju tal-ajru f’dawk il-pajjiżi.
Fuq livell ekonomiku, ġie spjegat li Malta għandha sistemi ta’ diversifikazzjoni fl-enerġija u ftehimiet ta’ hedging li qed jgħinu biex jinżammu prezzijiet stabbli, flimkien mal-politika ta’ sussidji biex il-familji u n-negozji ma jġarrbux żidiet qawwija. Sar ukoll aċċenn għall-protezzjoni tal-infrastruttura diġitali u għall-monitoraġġ tal-katina tal-provvista, b’valutazzjoni li bħalissa ma hemmx indikazzjonijiet ta’ impatti immedjati minkejja l-isfidi relatati mal-Istrett ta’ Hormuz u l-Kanal ta’ Swejz.
Ritratti: OPM










