Il-kwadru titulari tal-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Manresa f’Casa Manresa, il-Furjana, li kien impitter mill-artist rinomat Antoine Favray, ġie restawrat fl-okkażjoni tal-275 anniversarju mill-ftuħ u t-tberik uffiċjali ta’ din il-binja storika.
Ix-xogħol ta’ restawr sar matul l-aħħar sena mill-konservatriċi Amy Sciberras flimkien mat-tim tagħha. Il-pittura turi lil San Injazju ta’ Loyola waqt li qed jikteb “L-Eżerċizzi Spiritwali” fil-perjodu ta’ dixxerniment tiegħu f’Manresa, taħt il-ħarsa tal-Madonna u ta’ Ġesù Bambin.
Favray kien ħadem ukoll diversi pitturi oħra għall-kappella, fosthom erba’ pitturi għall-artali laterali u żewġ pitturi ovali li jittrattaw it-temi tad-dixxerniment u tal-mewta t-tajba, li kollha jkomplu jsaħħu l-karattru spiritwali ta’ Casa Manresa. Huwa kien ukoll l-awtur tal-pittura tal-Missier Etern li darba kienet tinsab fil-koppla qabel ma nbniet il-lanterna preżenti.
Il-kwadru, li jmur lura għall-1748, ġie inawgurat mill-Arċisqof Charles Scicluna f’ċerimonja li għaliha attendew ukoll l-Isqof Joseph Galea-Curmi, is-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross u mistednin oħra.
Casa Manresa nfetħet u ġiet imbierka b’mod solenni fis-16 ta’ Marzu 1751 mill-Isqof ta’ Malta Alphéran de Bussan. Għall-okkażjoni kien preżenti wkoll il-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Manuel Pinto de Fonseca. Matul iż-żmien il-binja serviet bħala seminarju, filwaqt li llum tilqa’ fiha l-Kurja tal-Arċisqof ta’ Malta.
Riċentement instab ukoll dokument antik li kien parti minn pjanta ta’ Casa Manresa u li ta aktar tagħrif dwar it-tlestija u l-inawgurazzjoni tas-Santa Casa della Madonna di Manresa. Din kienet inbniet taħt il-kura tal-Ġiżwita Fra Pier Francesco Rosignoli.
L-istorja ta’ Casa Manresa tmur lura għal madwar l-1742 meta Rosignoli wasal Malta u beda jmexxi eżerċizzi spiritwali fil-Belt Valletta. Dawn l-eżerċizzi, ibbażati fuq it-tagħlim ta’ San Injazju ta’ Loyola, kienu jinkludu meditazzjonijiet dwar id-dnub, il-ħajja ta’ Kristu, il-Passjoni u l-Qawmien tiegħu, u kellhom l-għan li jgħinu lil min jipparteċipa fihom jirrifletti fuq ħajtu u jħejji ruħu spiritwalment.
Aktar tard Rosignoli sab post aktar kwiet fil-Furjana fejn beda jorganizza dawn l-eżerċizzi. Grazzi għal donazzjonijiet minn benefatturi Maltin u kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, b’mod partikolari dawk Portugiżi, beda jinbena l-kumpless ta’ Casa Manresa.
Rosignoli nnifsu kien jikkontribwixxi kull sena s-somma ta’ 200 skud li kien jirċievi mill-familja tiegħu. Donazzjoni sinifikanti oħra waslet mingħand Pedro III tal-Portugall, li kien irċieva edukazzjoni mingħand il-Ġiżwiti u ta kontribut importanti għall-bini. Sa llum fuq il-bieb prinċipali tal-kappella tal-Madonna ta’ Manresa għadha tidher irħama bl-arma tiegħu bid-data 1749, bħala tifkira ta’ din l-għajnuna.
Dan il-275 anniversarju jfakkar mhux biss il-valur storiku u spiritwali ta’ Casa Manresa, iżda wkoll ir-rwol li kellha fil-ħajja reliġjuża ta’ Malta matul is-sekli, kif ukoll il-valur artistiku u patrimonjali tagħha bħala parti mill-wirt kulturali tal-pajjiż.











