Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni organizza t-tieni minn sensiela ta’ ħames avvenimenti tematiċi, f’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta. Dan l-avveniment, iddedikat għas-settur tal-Istil ta’ Ħajja u l-Esperjenza, offra spazju fejn ġiet murija kif ir-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta qed isaħħu l-ekonomija u jtejbu l-mod kif ngħixu ta’ kuljum.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza li l-innovazzjoni f’dan il-qasam mhijiex sempliċement titjib żgħir, iżda forza li qed tmexxi lil pajjiżna lejn futur aktar avvanzat u sostenibbli. Huwa spjega li l-Viżjoni Malta 2050 timmira li tibni pajjiż li jmexxi l-bidla permezz ta’ investiment f’teknoloġiji emerġenti bħall-Internet of Things u l-Intelliġenza Artifiċjali. “Qed naħdmu biex l-industriji tradizzjonali tagħna, bħat-turiżmu u l-ospitalità, isiru aktar reżiljenti u kompetittivi,” sostna s-Segretarju Parlamentari. Huwa żied jgħid li l-Gvern jibqa’ impenjat li joħloq l-ambjent it-tajjeb sabiex l-ideat tal-imħuħ Maltin jitwettqu u jikbru f’pajjiżhom stess.
Matul l-attività ġew ippreżentati żewġ proġetti innovattivi li diġà qed iħallu impatt konkret fuq in-negozji u l-konsumaturi:
• IoTAP – Proġett immexxi minn Glenn Sciortino ta’ Loop Services Ltd, li joffri pjattaforma ta’ awtomazzjoni intelliġenti maħsuba għal negozji żgħar u medji. Din is-soluzzjoni tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u l-impatt ambjentali, filwaqt li ttejjeb l-esperjenza tal-klijent. Bħalissa għaddej proġett pilota fis-settur tal-ospitalità.
• TABLEO-AI Assistant – Żviluppat minn Jonathan Azzopardi Frantz b’kollaborazzjoni mal-Malta College of Arts, Science and Technology, dan l-assistent diġitali juża l-Intelliġenza Artifiċjali biex jappoġġja lis-sidien tar-ristoranti fil-ġestjoni tar-riżervazzjonijiet u l-komunikazzjoni mal-klijenti. Is-sistema ttejjeb l-effiċjenza operattiva u tipprovdi rakkomandazzjonijiet strateġiċi bbażati fuq analiżi tad-data.
Ir-riċerkaturi saħqu li s-sħubija bejn l-akkademja u s-settur privat hija essenzjali biex jinħolqu soluzzjonijiet b’potenzjal internazzjonali. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, Xjenza Malta qed tkompli ssaħħaħ l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta, b’benefiċċji diretti għall-kwalità tal-ħajja, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-pajjiż.











