Id-devozzjoni Marjana f’Malta hija waħda mill-aktar espressjonijiet reliġjużi profondi u mifruxa fil-kultura Maltija. Hi devozzjoni lejn il-Verġni Marija – Omm Ġesù – li tistrieħ fuq tradizzjoni twila ta’ fidi, mirakli, pellegrinaġġi u festa popolari.
Qabel xejn din fiha importanza Storika u Reliġjuża.
Id-devozzjoni lejn Marija f’Malta għandha għeruq antiki li jmorru lura sa żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, iżda anke qabel, f’żmien il-Biżantini u l-ewwel Insara. Marija dejjem kienet meqjusa bħala l-protettur tal-gżira – kemm f’sens spiritwali kif ukoll f’sens reali, bħalma ġara matul il-Gwerra Dinjija II meta ħafna ħarsu lejha bħala l-“Omm il-Ħniena” waqt bombardamenti kbar u anke iżjed lura fis-snin, bħal fl-Assedju l-Kbir tal-1565, b’hekk nibet it-titlu tal-Vitorja lil Marija Bambina.
F’Malta hemm mijiet ta’ knejjes iddedikati lil Marija – fosthom: Il-Bażilika ta’ Marija Assunta f’Mosta (il-Knisja Rotunda), Il-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla, il-Luinzjata f’Ħal Tarxien, il-Knisja ta’ Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, Il-Knisja jew l-għar tal-Madonna tal-Mellieħa, li fiha hemm pittura antika meqjusa mirakoluża u li jingħad li ġiet impinġija minn San Luqa waqt li kien Malta fi triqtu lejn Ruma u ħafna oħrajn bi knejjes iżgħar li nħobbu nsejħulhom kappelli li wkoll huma ddedikati lill-Madonna b’titli differenti skont xi jkun ġara jew liema grazzja tagħtha dak l-isem.
Wieħed mill-aktar aspetti prominenti tad-devozzjoni Marjana f’Malta huma l-festi popolari:
Santa Marija (15 ta’ Awwissu) – iċċelebrata b’mod grandjuż f’ħafna lokalitajiet bħall-Mosta, Imqabba, Għaxaq, Gudja, u ż-Żebbuġ Għawdex fost l-oħrajn. F’Malta jkollna mas-7 festi ta’ Santa Marija u tnejn oħra li jiġu fil-Ħadd ta’ wara; f’Ħad Dingli u l-Imġarr u taż-Żebbuġ f’Għawdex.
Il-Kunċizzjoni, il-Lunzjata, il-Karmnu, il-Madonna tal-Grazzja, u oħrajn huma wkoll ċċelebrati f’diversi rħula.
Biss il-kult Marjan f’Malta huwa qawwi u minsuġ ukoll mal-fidi u dak li wieħed iħoss f’qalbu. Sew biex jirringrazzja, jitlob jew jaħfer. Ir-rużarju huwa forma importanti ta’ talb Marjan. Ħafna komunitajiet għadhom jorganizzaw quddies, pellegrinaġġi u purċissjonijiet bi statwi ta’ Marija, speċjalment waqt ix-xahar ta’ Ottubru u Mejju, li huma ddedikati lilha.
Tista’ tgħid li bosta familji Maltin għandhom statwa jew pittura ta’ Marija fid-dar. Il-“Madonna ta’ Pinu” hija partikolarment popolari fil-familji, b’rabta mal-Bażilika ta’ Pinu f’Għawdex, meqjusa bħala santwarju mirakoluż.
Għall-Maltin, Marija m’hijiex biss figura reliġjuża, imma wkoll simbolu ta’ identità, purità, protezzjoni u tama. Id-devozzjoni lejha tidħol fil-poeżija, l-arti, u l-ħajja ta’ kuljum. Anke jekk sfortunatament, tissemma ħafna fil-batal … imma kważi kważi iżjed għax indrat b’mod negattiv milli għax veru dak li jkun ikun irid joffendi lill-Madonna.
Semmejna lill-Madonna ta’ Pinu. Bla dubju, f’moħħna jiġuna żewġ affarijiet li huma mwaħda f’ħaġa waħda: Il-Bażilika u s-Santwarju fl-Għarb Għawdex.
L-istorja tmur lura għal mara sempliċi; Karmni Grima (2 ta’ Frar 1838-25 ta’ Frar 1922) li kienet bidwija Maltija, li kellha din l-esperjenza reliġjuża mistika, li wasslet biex tinbena l-knisja tal-Madonna ta’ Ta’ Pinu.
Fit- 22 ta’ Ġunju 1883 filwaqt li, bħas-soltu hi kienet għaddejja minn quddiem il-kappella żgħira, hi semgħet ‘vuċi misterjuża ssejjħilha: “Ejja… Ejja llum. Għal sena sħiħa, inti ma tkunx tista’ terġa’ tiġi hawn”. Din il- ġrajja hija meqjusa bħala “L-iktar ġrajja notevoli fl-istorja tad-Djoċesi” ta’ Għawdex. Karmni Grima, għalkemm imwerwra, obdiet u daħlet fil – kappella. Minn pittura ta ‘l-Assunzjoni tal-Beata Verġni Marija li kienet tinsab fil-kappella, Karmni tisma’ vuċi tgħidilha: “Għid tlett Ave Marijiet ad unur tat-tliet ijiem li jiena qgħadt fil-qabar.” Karmni Grima mardet, u setgħet biss tmur lura fil-kappella sena wara.
Karmni qasmet din l-esperjenza mal-konfessur, u mal-ħabib u ġarr tagħha, Francesco Portelli. Dan taʼ l- aħħar qalilha li hu wkoll kien semaʼ leħen simili. Ftit wara dawn l-inċidenti misterjuża, omm Francesco kienet fieqet b’mod mirakoluż bl-interċessjoni tal-Verġni Marija Beata. l-Isqof Pietru Pace ġie infurmat b’dawn l-avvenimenti u wara li tkellem ma’ Karmni u Francesco huwa kkonkluda li l-vuċi kienet ta’ oriġini mis-sema.
Minħabba ż-żieda fil-pellegrini, il-kappella l-antika ma baqgħetx taqdi, u fl-1920 bdiet tinbena bażilika ġdida, li tlestiet fl-1931.
L-istil Arkitettoniku huwa Neo-romanesku, b’faċċata eleganti, arkati sbieħ u kampnar imponenti.
Fl-1932, il-Papa Piju XI ddikjara l-knisja bħala Bażilika Minuri – wieħed mill-unuri l-aktar għolja li jista’ jingħata fil-knisja Kattolika.
Elementi Notabbli li nsibu f’dan l-imkejjen bla dubju huma; Il-pittura tal-Madonna (1619) għadha fuq l-altar ewlenija, il-Kamra tal-ex-voti mimlija oġġetti ta’ grazzi riċevuti (ringraziament għal fejqan jew għajnuna) u l-freski u możajki moderni fuq ġewwa.
Sal-lum, kull Papa li jżur pajjiżna, iżur dan il-post. Fil-fatt, il-Papa Ġwanni Pawlu II (1990), Benedittu XVI (2010) u Franġisku (2022) żaru jew taw ġieħ lis-santwarju.
Isiru wkoll purċissjonijiet u quddies speċjali f’okkażjonijiet bħal 15 ta’ Awwissu (Santa Marija) u 22 ta’ Ġunju (ġurnata tal-miraklu). Dan il-post huwa wkoll ċentru kulturali u spiritwali għal Għawdex – marbut mal-identità Għawdxija. Ħafna jmorru fuq pellegrinaġġ lejn is-santwarju f’mumenti ta’ tbatija jew f’ġrajjiet importanti.
Ritratt: Statwa ta’ Santa Marija – Mosta – Xogħol Vincenzo Apap (1947) fuq l-istatwa ta’ qabel li kienet saret minn Salvu Dimech (1868)








