Nhar l-Erbgħa li għaddew 5 ta’ Marzu 2025 kien Ras ir-Randan li jagħti bidu għal 40 jum ta’ sagrifiċċji f’forom diversi, bi preparazzjoni għall-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-akbar festa tal-Knisja Kattolika, l-Għid il-Kbir. Żmien li huwa mwaħħad ma’ bosta avvenimenti anke dawk teatrali, purċissjonijiet u ċelebrazzjonijiet li jmorru lura sew fis-snin flimkien ma’ oħrajn ġodda li nħolqu iżjed f’ dawn l-aħħar snin. Eżempji minn dawn tal-aħħar huma r-rappreżentazzjonijiet tal-Passjoni fit-toroq bħal ngħidu aħna f’Ħal Tarxien u oħrajn li żviluppaw maż-żmien.
Il-Malti jinfluwenza ruħu u malli xi ħaġa tirnexxi, dlonk ikun hemm oħrajn li jsegwu. U dan huwa sabiħ diment li nsaħħu dak li diġà hemm. Id-drammi tal-passjoni wkoll ilhom jittellgħu għal snin twal f’pajjiżna. Dawn oriġinaw fl-irħula mill-għaqdiet li jiffurmaw miż-żgħażagħ flimkien ma’ nies mir-raħal u minn sena għall-oħra baqgħu popolari sal-lum il-ġurnata. Kull ma semmejna sa issa jfisser ħin, spejjeż u sagrifiċċji. Ma tonqosx l-għajn għad-dettal fl-ilbies u l-manjieri biex dejjem ikun imqarreb l-ambjent ta’ żmien il-veru passjoni ta’ Kristu u b’hekk il-pubbliku jidħol sew fl-atmosfera.
Jitqiesu wkoll mumenti biex jgħinu lid-devot jaħseb, jirrifletti u jindem. Wara kollox, il-ġrajja tal-passjoni għall-Kattoliċi għandha tfakkar dak li l-iben t’Alla għamel għalina; miet fuq is-salib biex isalvana.
F’pajjiżna nsibu dsatax-il purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-eqdem purċissjoni bdiet tiġi organizzata lejn l-aħħar tas-seklu16 mill-Franġiskani Minuri tar-Rabat. (G. Scerri, Monografia Storica dell-Antichissima Arciconfraternita del Glorioso Patriarca San Giuseppe – Rabato. 1935, p.3). L-istess patrijiet bdew purċissjoni oħra fil-Belt Valletta fl-1645. Dik ta’ Ħal Qormi jidher li kienet diġà stabbilità sew fl-1764. Din aktarx bdiet eżattament ftit biss wara l-purċissjoni tal-Belt Valletta.
Imbagħad kien hemm żvolta kbira fis-seklu 18 fejn bdew dawn li ġejjin:
Ġol-Birgu (c.1700), l-Isla (c.1719), Ħaż-Żebbuġ (c.1742) u Bormla (c.1700). Imbagħad bdew il-purċissjonijiet f’Hal Għaxaq (c.1820), Ħal Luqa (c.1830), fil-parroċċa ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex (c.1830), in-Naxxar (c.1833), fiż-Żejtun (c.1839), Mosta u Għargħur (1866). F’Għawdex, insibu dik tan-Nadur (1913), Xaghra (1914), iż-Żebbug (1918/20) u sett vari fix-Xewkija (1921). Il-katidral t’ Għawdex beda l-purċissjoni fl-1968. Fl-1944 saret il-vara tar-Redentur f’Rahal Gdid u d-Duluri fl-1947 sakemm fl-1971 Raħal Ġdid kellu wkoll is-sett sħiħ tiegħu. (Referenza: The Mosta Archives – Joseph C. Camilleri)
Jekk tibda tikteb fuq dan is-suġġett diffiċli tieqaf. Hemm ħafna xi tgħid u x’tinnota. Id-damask iswed fi knejjes bħal tan-Naxxar, it-tradizzjoni tal-borma tfuħ mas-sepulkru u li taqsmek bil-fwejjaħ meta żżur il-wirjiet, il-bandalori suwed u vjola u l-poplu saħansitra jkun hemm min iżejjen il-gallariji tiegħu wkoll. Apparti dan, min jaf x’hawn tal-kollezzjonijiet privati b’xogħol mill-ifjen minn artisti Maltin fid-djar tagħna. Minn kurċifissi sa knejjes sħaħ u li jiswew ħafna flus.
Il-Baned bil-marċi funebri jinvestu wkoll. Id-daqq tagħhom fit-toroq għalkemm melankoniku u differenti mill-ħoss tal-festa, xorta waħda huwa sabiħ, pjaċevoli u li tistennieh. Hemm tħoss li qegħdin fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Issib nies li malli tiżżarma l-aħħar bozza tas-siġra tal-Milied, jitfgħalek marċ fuenbru għax issa dik ikun imiss għalihom, apparti l-karnival. Xi ġmiel. Xi tradizzjoni u kultura.
Il-ħoss taċ-ċuqlajta, il-kwareżimal, karamelli, l-figolli u l-bajd tal-Għid u l-lista ma tieqafx.
Dan mhux artiklu li ridt nagħti dettall akkademiku imma xtaqt biss inħeġġeġ lill-poplu tagħna biex ikompli japprezza iżjed dan il-wirt intanġibbli u tanġibbli fl-istess ħin li jekk ma nagħtux kas, se jmajna anke jekk ma rridux. Il-volontarjat nafu kif inhu llum. L-ispejjeż finanzjarji splodew. In-nies parteċipi hemm parroċċi li qed ibatu biex isibu min irid jieħu sehem u tara barranin saħansitra jġorru l-bandalori tas-seba’ kelmiet. Ma hemm xejn ħażin li nkunu inklussivi imma dan qed jiġri mhux ħabba f’hekk, imma għax ma jkunx hemm nies li jridu jieħdu sehem attiv.
Nibża’ li minħabba anke l-fatt li l-osservazzjoni lejn ir-reliġjon birdet, allura hemm biss attività li qed issir fir-raħal, tmur tagħmel preżenza u wara tlaqna nieklu. Mhux mertu tiegħi li ngħid hux lok (ir-reliġjon ara inti hux issegwieh jew intx tal-isem biss) … imma b’hekk tiġi qisha attività oħra tal-kunsill lokali li morna rajnieha u daqshekk. L-imħabba u n-namur propju lejn dawn il-mumenti fil-kalendarju tagħna għandna ngħoużżuhom. Iżjed u iżjed, jekk ikun hemm min ikun passjonat dwar dan, ngħożżuh mhux ngħiru għalih jew ingerxuh. Veru li hija fin-natura tagħna li ninku lil xulxin imma mhux meta qegħdin fi żmien li dak li jkun, jekk jitlaq ma jerġax jiġi.
Pajjiżna għandu d-drawwiet, kultura u tradizzjoni unika tiegħu. Insiefru lejn Seville u mkejjen oħra ngħoxew. Malta l-istess imma rridu noqogħdu attenti ħalli ma nitilfu xejn minnhom, qas nitfa. Dan kliem li ħariġli minn qalbi għax inħobb dak kollu li għandna f’din il-gżira li huwa marbut ma’ dan is-suġġett. Nawgura l-isbaħ żmien lil dawk kollha involuti anke lil dawk li jattendu biex jammiraw.
Minn Clifford Galea
Assistent Direttur -Direttorat Kultura
Ritratt: https://dungiljan.blogspot.com/Ħaż-Żebbuġ